Mur għall-kontenut ewlieni
Il-Kummissjoni Ewropea
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 26 Frar 2025
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 2 min qari

Pjan ta’ azzjoni ġdid biex niffrankaw €260 biljun fis-sena fuq l-enerġija sal-2040

Mother sitting with daughter paying bills

 

Il-kostijiet għoljin tal-enerġija qed jagħmlu ħsara liċ-ċittadini u lin-negozji tal-UE. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija Affordabbli jistabbilixxi miżuri konkreti fuq terminu qasir biex innaqqsu l-kostijiet tal-enerġija għaċ-ċittadini, in-negozji, l-industrija u l-komunitajiet fl-UE, inlestu l-Unjoni tal-Enerġija, nattiraw l-investimenti, u nkunu ppreparati aħjar għal kriżijiet potenzjali tal-enerġija.

Dan se jippermetti ffrankar globali stmat ta’ €45 biljun fl-2025, b’żieda progressiva sa €130 biljun fis-sena sal-2030, u €260 biljun fis-sena sal-2040.

Innaqqsu l-kostijiet tal-enerġija biex nagħtu għajnuna immedjata lill-konsumaturi  

Biex l-elettriku jsir aktar affordabbli, il-Pjan ta’ Azzjoni jgħaqqad miżuri biex innaqqsu l-kontijiet tal-enerġija fuq terminu qasir b’riformi strutturali li jiffrankaw il-kostijiet li se jsaħħu s-sistema tal-enerġija tal-UE u jagħmluha aktar reżiljenti kontra xokkijiet futuri potenzjali lill-prezzijiet.  

B’mod kruċjali, hu jindirizza t-tliet komponenti kollha tal-prezzijiet tal-kontijiet tal-enerġija, b’mod partikolari l-kostijiet tal-provvista tal-enerġija, it-tariffi tan-network, u t-taxxi u l-imposti, sabiex ikun effettiv kemm jista’ jkun.  

Nappoġġaw l-infrastruttura tal-enerġija rinnovabbli

Sabiex niżguraw li l-kontijiet tal-elettriku ma jiġux iddettati minn prezzijiet għoljin u volatili tal-gass, il-Kummissjoni se tikseb ukoll benefiċċji sinifikanti għall-konsumaturi billi tappoġġa adozzjoni usa’ ta’ soluzzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika, li jistgħu jwasslu għal iffrankar sa €162 biljun fis-sena fl-2030. Minħabba li ż-żieda fl-enerġija rinnovabbli hija kruċjali biex inbaxxu il-prezzijiet, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri biex iġibu aktar sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u aktar malajr, u biex jintroduċu l-infrastrutturi meħtieġa tal-grilja.  

Inkunu ppreparati aħjar għal kriżijiet potenzjali  

L-iżgurar ta’ provvisti tal-enerġija tal-UE siguri huwa kruċjali għar-reżiljenza ekonomika tagħna, l-aċċess kontinwu għal enerġija affordabbli, u l-evitar ta’ volatilità estrema tal-prezzijiet. Sistema tal-enerġija reżiljenti trid tkun kapaċi tiflaħ għal interruzzjonijiet potenzjali fil-provvista li jirriżultaw minn attakki ċibernetiċi jew avvenimenti estremi tat-temp, li jheddu l-affordabbiltà. Il-Kummissjoni se taġġorna l-qafas tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE biex tindirizza t-theddid potenzjali.

Se żżid ukoll it-tħejjija għal kriżi potenzjali tal-prezzijiet billi tagħmel is-sistema tal-enerġija tal-UE aktar reżiljenti għal xokkijiet esterni lill-prezzijiet b’sehem akbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli magħmula lokalment, swieq aktar integrati, u swieq tal-gass sorveljati aħjar.  

Il-Pjan ta’ Azzjoni huwa komponent ewlieni tal-Patt għal Industrija Nadifa, li jiddeskrivi azzjonijiet konkreti biex id-dekarbonizzazzjoni tinbidel f’mutur tat-tkabbir għall-industriji Ewropej. Minbarra li jnaqqas il-prezzijiet tal-enerġija, il-Patt għal Industrija Nadifa għandu l-għan li joħloq impjiegi ta’ kwalità u l-kundizzjonijiet it-tajba biex il-kumpaniji Ewropej jirnexxu.

Links relatati

Enerġija Affordabbli

Stqarrija għall-istampa dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija Affordabbli

Unjoni tal-enerġija  

Pjan ġdid għall-prosperità u l-kompetittività sostenibbli tal-Ewropa 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
26 Frar 2025
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni